Qabbel il-Kwalifiki madwar l-Ewropa

Iddeċifra il-Jargon

Kif tistma l-livell ta’ kwalifika ta’ impjegati u applikanti għax-xogħol? Speċjalment jekk kisbu l-kwalifika f’pajjiż ieħor?

Billi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma stabbiliti b’mod differenti madwar l-Ewropa, il-kwalifiki tal-gradwati mhumiex dejjem faċli biex jinftiehmu. Mastrudaxxa li kien imħarreġ fl-Awstrija jista’ jkun li tgħallem il-professjoni tiegħu taħt kundizzjonijiet differenti u f’ambitu differenti minn dak li kien imħarreġ fi Spanja.

Sib x’jistgħu jagħmlu l-impjegati tiegħek!

L-iktar strument utli biex tqabbel il-livell ta’ kwalifiki tal-persunal tiegħek huwa l-Qafas Ewropew tal-Kwalifikazzjoni (EQF). Kull kwalifika għandha livell ekwivalenti ta’ kompetenza, li jfisser li l-enfasi tinsab fuq liema kompiti persuni jistgħu jagħmlu realistikament. Il-livell tal-EQF huwa determinat bl-użu ta’ deskritturi li jagħtu eżattament dan it-tip ta’ informazzjoni dwar il-livell ta’ għarfien, ħiliet, u responsabbiltà / awtonomija.

Sabiex tilħaq ċertu livell ta’ kwalifika, persuna trid tgħaddi minn proċess ta’ edukazzjoni u taħriġ. Peress li kulħadd għandu ritmu u bijografija differenti, it-tqabbil ta’ dawn il-passi lejn ċertu kwalifika mhux dejjem faċli. Mod wieħed kif isir dan huwa billi tuża s-Sistema Ewropea ta’ Kreditu għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET). Fi ftit kliem, l-ammont ta’ sigħat imqattgħin f’ċertu taħriġ huwa akkumulat u kkreditat uffiċjalment, u għalhekk jista’ jiġi ppreżentat fil-forma tan-numru ta’ punti ECVET fuq ċertifikat. Hemm ukoll ekwivalenti għal-livell universitarju msejjaħ ECTS. Fir-rwol tiegħek bħala mentor tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol jew maniġer tal-HR ikkonċernat ma’ trainees, eventwalment tiltaqa’ ma’  dawn iż-żewġ termini.

 Hemm strument Ewropew ieħor li jgħinek tqabbel ċertu tip ta’ kwalifika: il-ħiliet lingwistiċi. Il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (CEFR) jaqsam il-ħiliet lingwistiċi f’kodiċi faċli biex jinqabdu: minn A1 (jibdew) sa C2 (mastru / kelliem nattiv). Kull livell huwa ddeterminat mill-abbiltà u l-indipendenza tal-kelliem u jista’ saħansitra juri rispett lejn oqsma differenti ta’ kompetenza bħal fehim, taħdit u kitba. Dan jista’ jkun rilevanti għalik, meta tkun qed tfittex impjegat li jista’ jwettaq ċertu kompitu fir-rigward ta’ ħiliet lingwistiċi bħal komunikazzjoni bl-e-mail mal-klijenti, pereżempju.

Inti interessat li titgħallem aktar dwar dawn it-tliet strumenti ta’ trasparenza?

Agħti ħarsa lejn l-istudji tal-każijiet li ġejjin biex tidħol aktar fil-fond f’dan il-qasam u tikseb għarfien aħjar kif dawn l-għodda jitpoġġew fil-prattika.